Monthly Archive for February, 2012

Karnival 2012

Attività li t-tfal kollha kienu qed jistennew bil-ħerqa kienet dik tal-Karnival, fejn kull klassi pparteċipat bi żfin u kant fis-sala tal-iskola. Magħna kellna wkoll lill-istudenti tar-Resource Centre Helen Keller li ferħuna biż-żifniet u l-crafts tagħhom. Marianne u l-membri tal-Kunsill Skolastiku taw il-kontribut tagħhom bl-Innu tal-Karnival u bi żfin ieħor.

Waħda mill-kanzunetti li kantaw it-tfal kienet “Karnival” li biha l-iskola tal-Qrendi kienet ħadet sehem fil-Canzone Europea dei Bambini, fi Frar 2008.  Tistgħu tisimgħuha billi ssegwu dan il-link:

“KARNIVAL” Canzone Europea dei Bambini 2008

Arbor Day ~ Jum is-Siġar

Attività għall-istudenti tal-iskola fl-okkażjoni ta’ Jum is-Siġar saret nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar 2012. L-istudenti mxew flimkien mill-iskola sal-Ġnien tal-Kmand. Hemmhekk is-Surmast spjegalhom fuq l-istorja ta’ dan il-ġnien u raw il-ġmiel tas-siġar tal-larinġ.

Xtrajna wkoll siġra tal-għanbaqar u ħawwilnieha fil-ġnien tal-iskola.

IL-ĠNIEN TAL-KMAND

Dan il-ġnien huwa wieħed mill-isbaħ ġonna li għandna fil-Qrendi.

Jinsab fi Triq Santa Katarina, viċin l-inħawi magħrufa bħala Tal-Warda.

Il-ġnien inbena fi żmien Sir Alexander Ball li kien kmandant navali Ingliż u li sar Gvernatur ta’ Malta fl-1801. Sir Alexander Ball baqa’ jgħix Malta sa ma miet. Fil-Barrakka t’isfel, il-Belt Valletta hemm monument sabiħ, fejn jinsab midfun dan il-Gvernatur.

Il-Ġnien tal-Kmand inbena bejn l-1809 u -1809; id-data eżatt ma nafuhiex.

Ġonna oħra bl-isem tal-Ġnien tal-Kmand, insibuhom ukoll l-Imqabba, Ħal Għaxaq, il-Gudja, iż-Żejtun, Ħal Għargħur, Ħal Lija u Ħal Safi (hawn insejħulu “Il-Ġnien ta’ Ball”).

Il-kitba fl-irħama ta’ fuq id-daħla hija bit-Taljan u tgħid hekk:

“Alessandro Giovanni Ball, Per Giorgio Terzo, Re della Gran Brettagna, Governante le Isola di Malta e Gozo, All’uso dei Luogotenenti Temporanei Del Casale, il Luogo e in Perpetuo Consecrato”.

Fil-Ġnien tal-Kmand hemm ħafna siġar l-iktar tal-larinġ. Imma hemm ukoll siġar tal-lumi, tat-tin, tal-għanbaqar, tal-ħawħ, dwieli, pal tal-bajtar, lanġas, lewż, naspli, tuffieħ ta’ billudja u sfarġel.

Huwa magħruf ukoll li fil-ġnien hemm logħba magħmula mill-arbuxelli. Din il-logħba fiha bħal passaġġi li jiffurmaw labirint biex int ma ssibx minn fejn toħroġ malajr.

Il-Ġnien tal-Kmand jieħu ħsiebu l-Kunsill Lokali tal-Qrendi.