Arbor Day ~ Jum is-Siġar

Attività għall-istudenti tal-iskola fl-okkażjoni ta’ Jum is-Siġar saret nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar 2012. L-istudenti mxew flimkien mill-iskola sal-Ġnien tal-Kmand. Hemmhekk is-Surmast spjegalhom fuq l-istorja ta’ dan il-ġnien u raw il-ġmiel tas-siġar tal-larinġ.

Xtrajna wkoll siġra tal-għanbaqar u ħawwilnieha fil-ġnien tal-iskola.

IL-ĠNIEN TAL-KMAND

Dan il-ġnien huwa wieħed mill-isbaħ ġonna li għandna fil-Qrendi.

Jinsab fi Triq Santa Katarina, viċin l-inħawi magħrufa bħala Tal-Warda.

Il-ġnien inbena fi żmien Sir Alexander Ball li kien kmandant navali Ingliż u li sar Gvernatur ta’ Malta fl-1801. Sir Alexander Ball baqa’ jgħix Malta sa ma miet. Fil-Barrakka t’isfel, il-Belt Valletta hemm monument sabiħ, fejn jinsab midfun dan il-Gvernatur.

Il-Ġnien tal-Kmand inbena bejn l-1809 u -1809; id-data eżatt ma nafuhiex.

Ġonna oħra bl-isem tal-Ġnien tal-Kmand, insibuhom ukoll l-Imqabba, Ħal Għaxaq, il-Gudja, iż-Żejtun, Ħal Għargħur, Ħal Lija u Ħal Safi (hawn insejħulu “Il-Ġnien ta’ Ball”).

Il-kitba fl-irħama ta’ fuq id-daħla hija bit-Taljan u tgħid hekk:

“Alessandro Giovanni Ball, Per Giorgio Terzo, Re della Gran Brettagna, Governante le Isola di Malta e Gozo, All’uso dei Luogotenenti Temporanei Del Casale, il Luogo e in Perpetuo Consecrato”.

Fil-Ġnien tal-Kmand hemm ħafna siġar l-iktar tal-larinġ. Imma hemm ukoll siġar tal-lumi, tat-tin, tal-għanbaqar, tal-ħawħ, dwieli, pal tal-bajtar, lanġas, lewż, naspli, tuffieħ ta’ billudja u sfarġel.

Huwa magħruf ukoll li fil-ġnien hemm logħba magħmula mill-arbuxelli. Din il-logħba fiha bħal passaġġi li jiffurmaw labirint biex int ma ssibx minn fejn toħroġ malajr.

Il-Ġnien tal-Kmand jieħu ħsiebu l-Kunsill Lokali tal-Qrendi.

0 Response to “Arbor Day ~ Jum is-Siġar”


  • No Comments

Leave a Reply