Celebration Day

JUM IĊ-ĊELEBRAZZJONI

2010-2011

Nhar l-Erbgħa 21 ta’ Diċembru saret l-attività ta’ Jum iċ-Ċelebrazzjoni li laqqgħet għadd kbir ta’ nies li għandhom x’jaqsmu mal-edukazzjoni tat-tfal fl-iskola tagħna. Kollha nies li ġew biex jifirħu mal-istudenti għall-kisbiet u l-ħiliet tagħhom.

Iċċelebrajna l-motto tagħna “L-Iskola Tiswa”… tiswa mhux biss biex tgħinek issib xogħol tajjeb li jirrendi, imma wkoll biex tgħinek tiżvilippa t-talenti u l-ħiliet tiegħek, li jagħtuk kunfidenza fik innifsek u personalità li permezz tagħhom tkun ċittadin sħiħ:

  • Mill-att tal-edukazzjoni formali, fejn ir-riżultati tajbin li kisbu l-istudenti tal-Qrendi fl-eżami tal-Benchmark tal-2011 juru li qegħdin fuq l-istess livelli tal-iskejjel l-oħra fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu.
  • Noħolqu atmosfera fejn ninkoraġġixxu l-iżvilupp personali tal-isudenti billi nagħtuhom  opportunitajiet ħalli jkunu kreattivi, ħalli jagħtu sehemhom fit-tmexxija u jieħdu ħsieb l-ambjent tal-iskola, bħall-EkoSkola u Dinja Waħda. Għandna wkoll il-Kunsill tal-Istudenti fejn il-membri jiddiskutu problemi u inizjattivi biex inġibu l-iskola ’l quddiem.  Qed nieħdu sehem mal-Iscout Group u l-Kunsill Lokali fil-Crocus Proġett li jeduka lill-istudenti favur l-inklużjoni ta’ min hu differenti minnha u kontra d-diskriminazzjoni.
  • Nibnu attivitajiet diversi fejn l-istudenti jsibu l-opportunità li jakkwistaw iktar fiduċja fihom nfushom u jemmnu li kull wieħed minnha jista’ jagħmel differenza biex ikollna dinja aħjar fil-preżent u fil-futur.

Matul l-Attività ta’ Jum iċ-Ċelebrazzjoni, l-istudenti kollha ħadu sehem fir-reċta “L-Annimali fil-Presepju… u fil-Ġenna le?” u fit-tieni parti ngħata Premju Ktieb lil kull student. Dan sar biex nirrikonoxxu l-ħidma u l-isforzi li jagħmlu biex jitgħallmu. Mhux kulħadd jirnexxilu jilħaq l-istess livell imma kulħadd għandu bżonn l-inkoraġġiment, u dan il-premju jaqdi dan l-iskop. Barra minn hekk, ingħata Premju Speċjali lil kull klassi sabiex jinżamm fil-librerija tal-klassi stess.

Premjijiet oħra ġew mogħtija lill-istudenti tar-Raba’ Ħames u Sitt Sena skont il-marki li ġabu fl-eżamijiet tas-sena l-oħra. Dan il-premju nagħtuh biex inkomplu ninkuraġġuhom ħalli jkomplu fit-triq tajba tal-istudju li diġa qabdu.