Easter Time

              Reġgħet waslet l-ikbar festa li tagħmel il-knisja: l-Għid il-Kbir. Din il-festa tiġbor fiha l-qofol tat-twemmin tagħna. Ġesu` miet għalina iżda wara tlitt ijiem qam mill-mewt. Fl-Evanġelju skont San Mattew (Kapitlu 28, versi 5-6), naqraw li l-anġlu qal lin-nisa, “…jien naf li qegħdin tfittxu lil Ġesu`… Mhux hawn, għaliex qam kif kien qal.”

            Tajjeb nistaqsu lilna nfusna, “aħna nfittxuh lil Ġesu`? Fejn infittxuh? Meta? Għaliex?” Kultant naħsbu li nistgħu ngħaddu mingħajru. Kultant, mill-banda l-oħra, infittxuh meta jkollna bżonnu biss.

            Iżda le! Lil Ġesu` hemm bżonn infittxuh dejjem. Hemm bżonn li bħalma għamlu l-ħbieb tiegħu, nagħmlu l-esperjenza tiegħu: insiru nafuh aktar, inħalluh jidħol iktar fil-ħajja tagħna. Imma kif? Nistgħu naqraw jew nisimgħu l-kelma tiegħu, nitolbu iktar u nieħdu sehem iżjed fl-Ewkaristija. B’hekk inkunu iktar qrib tiegħu u nħalluh ikun iktar qrib tagħna. Għandna wkoll il-grazzja li nżuruh, ngħaddu ftit ħin miegħu, inkellmuh fit-talb tagħna ġewwa l-kappella tas-Salvatur fejn Ġesu` ħaj jistenniena ta’ kuljum.

            Lil Ġesu` hemm bżonn infittxuh ukoll f’dawk li niltaqgħu magħhom. Lis-soru Beata Mother Theresa darba staqsewha, “kif jirnexxilek tagħmel dan kollu ma’ dawn il-morda?” U hi bl-umilta’ kollha wieġbet, “F’kull wieħed u waħda minnhom, nara lil Ġesu`!”

            Kulħadd jifhem kemm huwa importanti li nikbru u nissaħħu fil-valuri li għaddew lilna l-ġenituri u n-nanniet tagħna. Proprju għal dan il-għan, il-kulleġġ tagħna waqqaf dak li jissejjaħ Ministry Team. Dan il-kumitat, immexxi minn Fr. Paul Fenech, jieħu ħsieb dak kollu relatat mal-valuri u r-reliġjon fil-kulleġġ. L-għan ewlieni ta’ dan il-kumitat huwa li t-tfal tagħna jsiru nsara impenjati billi jiskopru fost l-oħrajn, lilhom infushom u d-dinja ta’ madwarhom, l-imħabba kbira t’Alla u l-pjan tiegħu għalina.

            B’hekk inkunu qed insaħħu ħafna valuri u nrawmu attitudnijiet pożittivi. Fosthom nistgħu nsemmu: l-istima tagħna nfusna, ir-rispett, il-gratitudni, il-ferħ, il-fatt li naqsam minn dak li għandi mal-oħrajn, il-maħfra, ir-responsabbilta`, is-solidarjeta`, ir-relazzjonijiet tajba fil-familji u ma’ sħabi…

            Tajjeb inżommu f’rasna li aħna lkoll għandna sehem x’nagħtu. Bl-eżempju tagħna wkoll nistgħu ngħaddu ħafna valuri. F’idejna!

L-Għid it-tajjeb lil kulħadd!

Charmaine Grixti

Għalliema tat-Tieni Sena