Il-Kunsill tal-Istudenti
Il-Kunsill tal-Istudenti huwa attivita’ kurrikulari u fl-istess waqt extra-kurrikulari, għall-istudenti kollha li jattendu l-iskejjel Primarji u Sekondarji. Dan huwa mibni madwar l-istudenti bl-iskop li jippromwovi fihom sens ċiviku kif ukoll kapaċitajiet ta’ tmexxija qalb l-istudenti.
Il-Kunsill tal-Istudenti jagħti lok lill-membri parteċipanti biex jaqsmu l-ideat u l-ħsibijiet tagħhom, jitkellmu ma` xulxin dwar dak li jinteressahom kif ukoll dwar dak li jinkwetahom. Il-Kunsill huwa mezz tajjeb ta` komunikazzjoni bejn l-istudenti, l-għalliema tagħhom u l-mexxejja tal-iskola.
Huwa struttura rappreżentattiva għall-istudenti tal-iskejjel primarji u sekondarji, li permezz tagħha l-membri jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom b`mod attiv fl-affarijiet interni tal-iskola fejn jaħdmu id f`id mal-amministraturi tal-iskola, mal-istaff kollu u ukoll mal-ġenituri għall-benefiċċju tal-iskola u tal-istudenti kollha.
Il-maġġoranza tal-Kunsilli tal-Istudenti li huma fis-seħħ preżentament ġewwa l-iskejjel ta` Malta u Għawdex għandhom struttura rappreżentattiva fejn wieħed isib ir-rwol ta` President tal-Kunsill, Viċi-President, Segretarju, Teżorier, P.R.O. u numru ta` membri oħra. Dawn jipu eletti minn sħabhom stess permezz ta` elezzjoni interna tal-iskola u li fiha jkollhom id-dritt li jitfgħu l-vot tagħhom l-istudenti kollha li jattendu dik l-iskola partikolari li fiha tkun qiegħda ssir l-elezzjoni.
L-għanijiet primarji tal-Kunsill tal-Istudenti huma li:
- Joħloq struttura approvata fejn l-istudenti jistgħu jsemmgħu leħinhom dwar affarijiet marbuta mal-ambjent tal-iskola u li jaffettwawlhom il-ħajja tagħhom ta` kuljum.
- Jippromwovi attitudnijiet pożittivi qalb l-istudenti
- Jippromwovi sens ċiviku għoli qalb l-istudenti, bid-dmirijiet u d-drittijiet kollha marbuta miegħu.
- Jippromwovi relazzjonijiet tajba bejn kull min għandu sehem fl-iskola; b`mod partikolari bejn l-istudenti u l-għalliema.
- Itejjeb b`mod ġenerali l-moral tal-iskola.
- Jippromwovi parteċipazzjoni attiva mill-istudenti.
Il-vantaġġi li wieħed ikun involut fil-Kunsill tal-Istudenti huma li:
- jtejjeb il-kapaċitajiet tal-qari u tal-kitba.
- jikseb esperjenza ta` kif wieħed għandu jitkellem fil-pubbliku b`mod li jagħmel l-impatt tiegħu fuq l-udjenza li jkollu quddiemu.
- ikollu opportunita` li jiltaqa` ma` ħafna nies, jagħmel ħbieb ġodda u jitgħallem jaħdem ma` għadd ta` nies b`karattri differenti.
F’din is-sena skolastika, jum l-elezzjoni kien fil-1 ta` Diċembru 2011, u dawn huma l-membri:
Is-Sitt Sena:
Tristan Vella (President)
Sylvia Galea (Segretarja u Membru fil-Kunsill tal-Istudenti tal-Kulleġġ)
Bradley Camilleri (Membru)
Il-Ħames Sena:
Shanitiel Zammit (Viċi-President)
Pavel Xerri (Teżorier)
Ir-Raba’ Sena:
Gabriel Camilleri (P.R.O.)
Chanelle Magro (Membru)
Mario Vella B.Educ. (Hons.)
Għalliem Kordinatur tal-Kunsill tal-Istudenti (Qrendi)